Il-Fondazzjoni Kottonera ħabbret l-ewwel attività kulturali għas-sena 2020, ir-Requiem ta’ Fauré. Kif tħabbar fil-Birgu, il-kunċert minn KorMalta se jsir fit-22 ta’ Marzu fil-Knisja Kolleġġata ta’ San Lawrenz, il-Birgu. Id-dħul se jkun bla ħlas.
Il-Ministru José Herrera qal li din l-attività qed ssir skont strateġija li fost il-miri ewlenin tagħha, għandha t-tisħiħ tal-identità kulturali tat-tlett ibliet u tal-Kalkara. “Nifraħ lil Fondazzjoni Kottonera tal-inizjattivi li qed tieħu biex il-Kottonera sservi ta’ pjattaforma kulturali għall-artisti Maltin f’kull qasam. Illum, qed inħabbru dan il-kunċert minn KorMalta, iżda naf li hemm proġetti oħrajn li qed jitħejjew bħalissa, fosthom produzzjonijiet teatrali u kunċerti mużikali li għandhom ipoġġu lill-Kottonera fuq il-mappa kulturali ta’ pajjiżna. Għalhekk, inħeġġeġ lill-għaqdiet tal-Kottonera u oħrajn, biex iressqu ’l quddiem proġetti li permezz tagħhom nistgħu nkomplu nfasslu flimkien ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera,” saħaq Dr Herrera.
Iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Kottonera, Glenn Bedingfield, qal li dan il-kunċert hu parti minn numru ta’ attivitajiet kulturali li se jsiru matul din is-sena fil-Kottonera. “L-ibliet tagħna joffru sfond eċċellenti għal rappreżentazzjonijiet ta’ kull xorta. Kemm knejjes, pjazez, turġien u swar. Fiż-żmien li ġej, bħala fondazzjoni, qed naraw li nibdew djalogu ma’ esperti u anke man-nies inġenerali biex naraw x’għandha tkun l-istrateġija tal-pajjiż biex nużaw aħjar il-potenzjal kbir li għandhom is-swar li nbnew tliet mitt sena ilu,” tenna s-Sur Bedingfield.
Is-Sur Etienne Bonello, Chairman ta’ KorMalta, qal li KorMalta mal-ewwel aċċettat il-proposta ta’ Fondazzjoni Kottonera sabiex itellgħu kunċert kbir fil-Kottonera. Qal li, “wara diskussjonijiet ma’ Maestro Riccardo Bianchi, iddeċidejna li ntellgħu l-produzzjoni magħrufa ta’ Requiem ta’ Fauré. Kunċert li se jinkludi lill-membri tal-kor nazzjonali kollu, kif ukoll lill-arpist lokali Jacob Portelli, lill-vjolinista Sarah Spiteri, lill-vjolinċellist Ákos Kertész, lill-organist internazzjonali Andrea Gottardello, kif ukoll fil-baxx Albert Buttigieg.”
Ir-Requiem ta’ Gabriel Fauré hu wieħed mill-aqwa opri korali l-aktar maħbuba tad-dinja, bl-exquisite tiegħu Pie Jesu u In Paradisum. Il-kompożitur Franċiż iddistilla uħud mill-isbaħ melodiji li qatt ikkompona. Bħal f’ħafna mużika klassika tal-Punent, ir-Requiem jaf l-għeruq tiegħu lill-fidi Nisranija. Tradizzjonalment, fil-qalba tagħha, hu talb għall-mejtin. Ir-Requiem ta’ Fauré kien differenti għax minflok in-natura mudlama ta’ bosta requiem li kienu għaddew, Fauré hu mfakkar għall-perspettiva kalma, trankwilla u paċifika tiegħu. Hawnhekk insibu xogħol mużikali li jiffoka fuq in-natura allegatament mistrieħa u bla biża’ tal-mewt.