Il-Fondazzjoni iDEAT fi ħdan il-Partit Laburista se tiftaħ akkademja politika.
L-għan ta’ din l-akkademja huwa sabiex għall-ewwel darba f’pajjiżna jkun hawn ċentru ta’ studji politiċi li esklussivament joffri korsijiet f’diversi temi varji relatati mal-politika.
Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni Ideat Domnic Grech qal li dawk li għandhom interess fil-politika u qegħdin jaspiraw li jkunu ta’ servizz fil-politika, jistgħu jidħlu f’din l-akkademja.
F’ dawn l-aħħar sitt snin kienet il-Fondazzjoni iDEAT li tat bidu għall-ewwel korsijiet ta’ formazzjoni politika bħall-kors YOU-Progress li għadu jiġi offrut sal-ġurnata tal-lum.
L-għan li nipprovdu l-għodda l-mezzi biex dawk li għandhom interess fil-politika jagħtu kontribut kemm żgħażagħ kif ukoll kbar.
L-akkademja se toffri għadd ta’ korsijiet f’livell ta’ Diploma u Degree b’relazzjoni ma’ temi politiċi bħax-Xjenzi Politiċi, il-Politika Soċjali, il-Politika Internazzjonali, l-Istudji Ewropej u dwar il-Kunsilli Lokali f’Malta,
Iżda sabiex titwaqqaf din l-akkademja, l-ewwel jeħtieġ li jibda l-proċess biex tkun irreġistrata u l-liċenzjata mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni ta’ korsijiet akkademċi, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Is-Sur Grech spjega kif bħalissa tim inkarigat minn dan il-proġett qiegħed jaħdem fuq dokument li għandu jwassal sabiex l-akkademja politika tal-Fondazzjoni iDEAT tkun rikkonoxxuta b’liċenzja, filwaqt li l-korsijiet prospettivi li se jiġu provduti jkunu lkoll akkreditati.
U ovvjament se noffru edukazzjoni fuq livell MQ5 u iktar sabiex student ma jkollux biss ċertifikat ta’ attendenza imma anki kwalifiki.
L-istudenti li se jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet se jkollhom il-possibilità li jkollhom esperjenzi ta’ job shadowing ma’ għadd ta’ Ministeri, Dipartimenti Governattivi, Kunsilli Lokali kif ukoll istituzzjonjiet Ewropej bħall-Parlament Ewropew. Dan sabiex l-istudenti ma jibbażawx il-preparazzjoni għal formazzjoni politika tagħhom biss fuq it-tagħlim akkademiku iżda jingħataw esperjenza prattika ta’ xogħol.