Se tkun qed tinfetaħ Foundation for Tourism Zones Development, dan bil-għan li permezz ta’ town managers se jkunu qed jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni, il-manutenzjoni li jkun hemm bżonn u kif ukoll l-infurzar f’żoni turistiċi.
L-istess persuni se jkunu qed jitqassmu fi tliet żoni f’Malta, fit-Tramuntana, fiċ-Ċentru u kif ukoll fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dawn se jkunu qed jaħdmu id f’id mal-Kunsilli Lokali ta’ kull lokalità, kif ġie mħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera.
Kull tim li se jkun qed jagħmel parti minn dan il-proġett ġie magħżul mill-Wasteserve fejn l-istess ħaddiema ngħataw taħriġ apposta. S’issa diġà sar xogħol f’Tas-Sliema qrib l-Exiles, il-Balluta u kif ukoll f’Marsaxlokk.
Tul il-konferenza ntqal kif dan il-proġett mhux se jkun qed jieqaf wara x-xhur tas-Sajf iżda li l-ħidma se tkun qed tkompli għat-tnax-il xahar illi ġej, u dan minħabba ż-żieda fit-turisti.
Intqal ukoll kif se jkunu qed jiġu mħabbra proġetti simili mal-Baġit li jmiss.