B’entużjażmu u enerġija liema bħalha, il-fundatriċi ta’ Missjoni Gambia, Ana Caruana nediet il-kampanja b’risq il-poplu tal-Gambja.
Din ħeġġet lill-poplu Malti kollu jipparteċipa f’attività li biha se jinġabru d-donazzjonijiet biex jiġu mgħejjuna n-nies ta’ dan il-poplu Afrikan.
Il-Fondatriċi ta’ Missjoni Gambia, Ana Caruana qalet: “Illum għandna attività, maratona ta’ erbat ijiem. Iddeċidejt li niġbru l-ħwejjeġ li għandkom żejda fid-djar tagħkom sabiex nibgħatuhom ġewwa l-Gambia, poplu li llum jinsab kważi mingħajr ħwejjeġ u mingħajr kutra jew xugaman biex ikomplu l-ħajja tagħhom.”
Ana Caruana spjegat kif il-Missjoni Gambia ilha tlibbes u teduka l-poplu tal-Gambja għal aktar minn ħames snin.
Fl-intervista tagħha ma’ ONE News spikkat l-imħabba fit-ton tagħha lejn dawk li taħdem magħhom, kif ukoll is-sodifazzjon li tieħu f’xogħolha.
Caruana sostniet: “Però jien għandi skola ġo villaġġ jissejjaħ Farato ta’ 50 studenti li hija kindergarten u huma sponsorjati kollha mill-poplu Malti.”
Intant, is-Sindku tal-Mosta, Romilda Zarb kienet preżenti wkoll għal dan l-avveniment. Din spjegat kif il-kunsill lokali tal-Mosta ħareġ il-permess ta’ dan l-avveniment mingħajr ħlas u appellat lil aktar kunsilli lokali jagħmlu l-istess għal organizzazzjonijiet ta’ karità.
Hija stqarret: “Aħna nħeġġu iktar għaqdiet li jixtiequ jagħmlu azzjoni ta’ karità kif qed tagħmel Ana biex jersqu viċin tagħna, ikellmuna u jaraw kif aħna nistgħu naħdmu flimkien biex ikollna din it-tip t’attività organizzata b’risq għajnuna lejn il-proxxmu.”