Wara li min-nhar it-tnejn l-ewwel grupp ta’ klijenti ta’ Satabank li kellhom il-kontijiet tagħhom iffriżati se jkunu jistgħu jibdew jieħdu flushom lura, issa twaqqaf ukoll ‘Hardship fund’ li ser ikun qed jitmexxa mill-Malta Enterprise.
Il-Hardship Fund ser ikun qed jipprovdi self tranżitorju apposta bħala għajnuna lill-kumpaniji affetwati. Każi oħra li għandhom natura differenti, ser ikunu trattati każ każ.
Il-fond ser jibda min-nhar it-tnejn 26 ta’ Novembru 2018.
Dan wara li fl-aħħar ġimgħat, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, issospendiet l-attività bankarja ta’ Satabank bil-konsegwenza li l-klijenti tal-bank la setgħu jiddepożitaw u wisq aktar jiġbdu flushom.
Stqarrija tal-MFSA qalet li l-ewwel grupp hu magħmul minn klijenti li għandhom bejn €50 u €15,000. Qalet li dawn il-klijenti se jingħataw id-depożitu tagħhom wara li kienu soġġetti għal skrutinju. Qalet li dawn il-klijenti se jirċievu l-ammont kollu.
L-MFSA qalet li s-Satabank se jkun f’kuntatt mal-klijenti tiegħu li jgħixu Malta biex iż-żewġ partijiet jaslu għal ftehim dwar it-trasferiment tal-flus. Dan wara li fl-aħħar ġimgħat intalbu jiftħu kont bankarju f’bank fl-Unjoni Ewropea.