Tliet fondi importanti li bejniethom jammontaw għal €470,000 se jsostnu lill-għaqdiet tal-Festi Maltin.
Dawn il-fondi ser jibbenefikaw minnhom il-każini u soċjetajiet tal-banda, il-kmamar tan-nar kif ukoll għaqdiet tal-armar.
Il-Fond marbut mal-kazini tal-baned jammonta għal €150,000 u se jagħtu ċans lill-każini jwettqu bosta proġetti ġodda.
It-tieni fond ta’ €170,000 se jindirizza l-isfidi u r-riskji tal-għaqdiet ta-nar, u €150,000 se jingħataw lill-Ghaqdiet tal-Armar kemm dawk kulturali u anke dawk soċjali.
Il-president tal-Għaqda każini tal-banda Noel Camilleri u l-President tal-għaqda tal-piroteknika Josef Camilleri fejn qalu li l-għajnuna diġà bdiet tasal u raw qabża kbira fil-kwalità.
Huwa qal: “Dan għalina jkompli jixprunana biex inkomplu naħdmu favur il-festa Maltija għaliex il-każin tal-banda huma l-qofol, one of the main stakeholders biex jiġu organizzati l-festi Maltin.”
Il-President tal-Għaqda tal-Piroteknika, is-Sur Josef Camilleri stqarr: “Kellna bżonnhom għax ma konniex fi stat tajjeb il-kmamar tan-nar imma issa b’din l-għajnuna li ġejja għat-tielet sena mmeljorajna ħafna.”
Ic-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu sal-għaxra ta’ Lulju li ġej.
Huwa sostna: “Dan huwa essenzjalment sens ta’ pappa u mhux umpappa mhux tiżjin minn barra imma xi ħaġa li kemm ekonomikament u kif ukoll spiritwalment huwa importanti għan-nazzjon.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Jose Herrera semma li bħalissa għaddejja ħidma sabiex il festi maltin jkunu ċertifikati b’mod globali u jiġu meqjusa bħala Wirt Intanġibbli Dinji.
Il-Ministru Herrera qal: “Malta hija l-pajjiż tal-patrimonju, hija l-pajjiż tal-istorja, hija l-pajjiż tal-kultura, hija l-pajjiż tal-folklor. Dak li jagħmilna Maltin – jekk ma għandniex dan ħadd mhu ħa jiġi Malta la turisti, la investiment, xejn u l-kwalità tal-ħajja tagħna tonqos.”