€75,000 mill-Fond Malti għall-Arti se jagħmlu tajjeb għas-settur kulturali lokali li ntlaqat b’mod negattiv mill-pandemija COVID-19. Fi stqarrija l-Ministeru għall-Arti u l-Kunsill Malti għall-Arti spjegaw li dawn il-flus mistennija jkunu investiti fi proġetti jew inizjattivi kulturali li jindirizzaw l-impatt negattiv tal-pandemija fuq dan is-settur.
Dan il-fond se jkun qed jitmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru José Herrera qal li din hija t-tielet inizjattiva mħabbra li se tagħti wens lill-qasam kulturali.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li l-Kunsill dejjem jara li jtaffi ftit mill-impatti negattivi li jista’ jaffaċċja s-settur kulturali. Żied jispjega li llum il-Kunsill jinsab f’pożizzjoni li jista’ jagħti daqqa t’id lill-artisti u lil joħroġ b’ideat innovattivi li jwasslu l-arti u l-kultura lill-udjenzi anke bil-mezzi restritti ta’ bħalissa.
Il-Kunsill Malti għall-Arti qed iħeġġeġ biex dawk li se jipproponu xi proġett isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, u jużaw kemm jistgħu mezzi diġitali. Il-Kunsill se jilqa’ l-applikazzjonijiet sat-23 ta’ April li ġej minn fuq is-sit elettroniku tiegħu.