Xogħlijiet u prodotti madwarna li huma frott il-kreattività u l-innovazzjoni tal-bniedem huma protetti bid-drittijiet mogħnija lilhom permezz ta’ proprjetà intelletwali.
Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija nieda fond ta’ ħamsin elf ewro għal premji li jħeġġu ideat ġodda u l-proprjetà intelletwali.
Il-fond jimmira li jippremja inizjattivi kreattivi, xjentifiċi, teknoloġiċi u innovazzjonijiet emerġenti.
Nancy Caruana, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru fissret it-terminu ta’ proprjetà intelletwali.
Qalet, “Proprjetà intelletwali hija siġill ta’ idea jew ta’ ħsieb li wieħed ikollu. Tkun qiegħed tagħlaq ġo kaxxa dak kollu li huwa tiegħek qisu safe.”
Id-direttur għar-Reġistrazzjoni ta’ proprjetà industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ, Matthew Pisani, irrimarka li din is-sena, l-inizjattivi ppremjati se jintwerew fuq pjattaforma internazzjonali.
Spjega, “Din is-sena qed naspiraw li nilħqu r-rekord tas-sena l-oħra anki ħabba l-fatt li ħa nkunu qed noħorġu iktar hemm barra u nippromwovu dan il-premju iktar mis-sena l-oħra. Bħal kull sena qed nisperaw li jkollna livell għoli ta’ sottomissjonijiet.”
L-applikazzjonijiet għal dan il-fond jiftħu fit-tnejn ta’ Awwissu u jagħlqu s-Sibt tmintax ta’ Settembru.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit www.commerce.gov.mt.