Fl-istess ġimgħa meta pajjiżna ħabbar il-programmi operattivi tal-Fondi Ewropej sal-2027, il-Gvern nieda l-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta, b’allokazzjoni ta’ €33 miljun.
Dan hekk kif tnieda l-proċess ta’ preavviż rigward il-ħruġ tal-applikazzjonijiet tal-proġetti li se jsiru b’dan il-fond.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li qal li dan se jwassal biex jindirizza l-impatti ambjentali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma jkollha l-ebda impatt negattiv fuq il-klima.
Dawn il-fondi se jmorru biex isiru proġetti bħal tax-shore-to-ship – li bihom bastiment trakkat mal-moll ikun jista’ jitfi l-magni u jieħu l-elettriku mill-art – kemm fil-Port il-Kbir kif ukoll fil-Port Ħieles. Dawn il-proġetti se jnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis fl-arja.
“Huwa għalhekk li l-areas kollha tal-madwar, bħalma huma l-Belt, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, ikollhom arja iktar nadifa. Diġà dan il-Gvern ħadem f’dik l-area ta’ Malta, f’dik li hija tnaqqis ta’ affarijiet illi jniġġsu bħall-għeluq tal-powerstation, u issa se nkomplu nagħmlu arja iktar nadifa, f’dan l-ewwel fond li se jitlaq minnufih.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo, spjega l-proċess riġoruż sabiex isiru dawn il-proġetti.
“Hemmhekk se jkun hemm kriterji u l-kundizzjonijiet marbuta mas-sejħa, li se jiġu ppubblikati. B’dawn l-entitajiet iridu jissottomettu l-ideat tagħhom u l-proġett, imbagħad ikun hemm bord ta’ għażla indipendenti li wieħed janalizza l-iniżjattivi skont kriterji Ewropej.”