L-għaqdiet volontarji reġistrati f’Malta u Għawdex se jgawdu minn fond ta’ €3miljun li tħabbar bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa.
L-għaqdiet volontarji se jkunu jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi minn nhar it-Tnejn li ġej.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ddeskrivew dan il-fond bħala wieħed li se jtaffi l-impatt li l-pandemija Covid-19 ħalliet fuq dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan huwa l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur, li jagħmel xogħol imprezzabbli fil-komunità. Dr Grima qal ukoll li issa huwa d-dmir tal-Gvern li l-isfidi li jaffaċċjaw dawn l-għaqdiet, jibdilhom f’opportunitajiet.
“Il-Kunsill qed jaħdem mas-Segretarjat u l-Ministeru dwar sezzjonijiet informattivi li se jsiri lill-qasam tal-volontarjat, biex nassiguraw firxa wiesgħa ta’ għaqdiet volontarji u nraw li ngħinu lil dawn l-għaqdiet li ħafna drabi jagħmlu xogħol importanti ħafna.”
Il-Ministru Edward Scicluna ddeskriva dan il-fond bħala l-unika wieħed tax-xorta tiegħu li nħoloq għal dan il-qasam biex jgħinu joħorġu mill-effetti tal-pandemija COVID-19.
Hawn żied jgħid li dawn il-flus qegħdin hemm biex jintużaw mill-NGOs wara li t-talba għall-għajnuna mill-istess settur intlaqgħet mill-Gvern.
“Allura se ngħinu lill-għaqdiet li huma marbuta bħala full-time jew part-time bħala impjieg. Se nkunu konsistenti mal-kriterji ta’ Malta Enterprise, imma nadattawhom għal dan is-settur.”
Noel Camilleri, iċ-Chairman tal-Kunsill għall-volontarjat, qal li t-talba tas-settur intlaqgħet mill-Gvern u issa se jassiguraw li dawn il-fondi jitqassmu b’mod ġust. Dan fost l-oħrajn billi jkun hemm sezzjoni ta’ informazzjoni biex meta l-għaqdiet japplikaw għal xi fondi, dawn ikunu disponibbli fi żmien raġonevoli. Camilleri appella biex is-settur jibqa’ magħqud u jkompli jissaħħaħ u jingħata r-rikonoxximent li jistħoqqlu.
Huwa għalaq b’appell għall-għaqdiet volontarji.
“Is-settur għandu jibqa’ dejjem magħqud u wara dan il-Kunsill li huwa l-vuċi tas-settur. Hekk, dak li hu mixtieq mis-soċjetà jitwettaq, imma biex ikun hemm l-appoġġ biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ u jingħata rikonoxximent xieraq.”