Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar il-konġestjoni tat-traffiku li qed tiswa lil pajjiżna €200 miljun fis-sena, it-tniġġis fl-arja €100 miljun u l-obeżità aktar minn €36 miljun. Dan minbarra li l-mard ikkawżat minnhom iwassal għal mijiet ta’ mwiet qabel il-waqt.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, il-Ministru Edward Scicluna nieda fond ta’ €150,000 allokat għall-kunsilli lokali biex jiġu installati bicycle racks fil-lokalitajiet rispettivi f’Malta u f’Għawdex.
Din il-miżura baġitarja għandha l-għan li tbiddel il-mentalità u tixpruna l-użu tar-rota bħala mezz alternattiv ta’ trasport, filwaqt li tħeġġeġ lill-kunsilli lokali jinvestu fil-lokalità tagħhom għall-ġid tar-residenti.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis.
Il-Ministru Bonnici qal li minbarra l-proġetti kapitali, hemm bżonn ta’ aktar inċentivi bbażati fil-komunitajiet bl-iskop li nilħqu aktar nies, filwaqt li insista dwar il-bżonn li nkattru fil-poplu l-bidla fil-kultura.
Dan bil-għan li nużaw metodi alternattivi biex nivvjaġġaw minn post għall-ieħor b’vetturi privati, biex tittaffa l-problema tat-traffiku kif ukoll għal arja aktar nadifa.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal ukoll li inizjattivi bħal dawn jagħtu ċans biex wieħed japprezza s-sbuħija tal-lokalità, filwaqt li ħeġġeġ l-eżerċizzju fiżiku, u li għandha tiġi indirizzata l-problema tal-obeżità.
L-ewwel żewġ kunsilli lokali li bbenefikaw huma Birżebbuġa u Ħal Safi, li ngħataw commitment letter fi tmiem il-konferenza.