Il-Ministeru responsabbli mill-Volontarjat reġa’ nieda s-‘Civil Society Fund’, b’ mija u ħamsa u għoxrin elf ewro biex l-għaqdiet volontarji jkunu megħjuna jimirħu lil hinn minn xtutna.
L-iskema, li daħlet fit-tmien sena tagħha, fl-aħħar seba’ snin għenet madwar erbgħin għaqda volontarja fis-sena b’madwar disa’ mitt elf ewro injettati fihom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur Volontarju, Mauro Pace Parascandolo, qal li dan il-fond jagħti l-opportunità sabiex l-għaqdiet volontarji lokali jissieħbu ma’ għaqdiet volontarji oħra u, fil-proċess, ikunu parteċipi fil-livell Ewropew.
Qal, “Fl-istess ħin, ikunu jistgħu jagħmlu affiljazzjonijiet, jitkellmu fuq proġetti u anki jattendu taħriġ u training barra minn Malta. Allura għal dan il-għan, dan il-fond jgħin lill-għaqdiet sabiex jkunu jistgħu jimirħu iżjed u jiltaqgħu ma’ għaqdiet li huma l-counterparts tagħhom fuq livell Ewropew u jkabbru l-proġetti, l-inizjattivi u l-kapaċità tagħhom.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li permezz ta’ fondi bħal dawn ikompli jkun żgurat li l-għaqdiet volontarji jingħataw il-pjattaforma li jixraqilhom.
L-għaqdiet volontarji interessati li japplikaw għal dawn il-fondi huma mħeġġa jiksbu aktar informazzjoni fuq is-sit www.vofunding.org.mt. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-Erbgħa, 7 ta’ Settembru.