Ġie mniedi fond ta’ nofs miljun ewro għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma.
Dan il-fond se jkun qed jikkumplimenta fondi oħra ta’ għajnuna, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej u qed jitħabbar fi żmien opportun biex jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-ekonomija wara l-impatt tal-COVID19.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma, Michael Farrugia qal li dawn is-setturi qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla, u għalhekk huwa mportanti li pajjiżna jibqa’ fuq quddiem fl-użu ta’ tekonoloġiji ġodda.
Huwa sostna: “Qegħdin noffru madwar nofs miljun ewro għal proġetti li jersqu ‘l quddiem li eventwalment issir riċerka u innovazzjoni speċifikament fis-setturi tal-enerġija u l-ilma. Pajjiżna fis-settur tal-ilma qegħdin avvanzati imma rridu nsiru aktar effiċjenti fejn tidħol l-użu tal-enerġija biex nipproduċu l-ilma kif ukoll ikollna l-magni tagħna li jkunu aktar effiċjenti fil-produzzjoni.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo rrimarka li qatt daqs illum ma’ pajjiżna kien jeħtieġ li jkollu Gvern bi strateġija li jmexxi ‘l quddiem ir-riċerka u l-innovazzjoni f’kull qasam li jmiss mas-soċjetà Maltija.
Huwa saħaq: “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-ispina sabiex aħna bħala pajjiż nibnu soċjetà dinamika illi kull ma jmur taħares ‘l quddiem u ma tibżax mit-tibdiliet li fis-setturi ta’ kuljum tiltaqa’ magħhom. Għandna eżempju ċar ta’ kif fil-qasam tal-enerġija u l-ilma se nkunu qegħdin u nkomplu nsaħħu dan il-qasam u dejjem igawdi l-familji u negozji Maltin.”