B’investiment ta’ tmien mitt elf ewro, il-Gvern nieda skema li kienet miżura fil-budget għal din is-sena, li se tgħin produzzjonijiet u kontenut għat-televiżjoni u pjattaformi online.
Il-Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, Carmelo Abela spjega kif din l-iskema se tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-produttur Malti biex itejjeb il-kwalità tal-produzzjonijiet u anki jesportahom barra minn xtutna.
Spjega kif pjattaformi bħal Netflix saru jxandru produzzjonijiet b’lingwi differenti u allura Malta għandha taspira li anki xogħol lokali jixxandar fuq skala internazzjonali.
Qal, “Għandu jkollna l-aspirazzjoni li ċertu produzzjonijiet mhux biss jixxandru fis-suq lokali imma wħud minnhom nistgħu nesportawhom barra minn xtutna li jixxandru fuq pjattaformi li huma popolari wkoll fejn qed naraw li mhux biss bil-lingwa Ingliża qed ikunu popolari imma qed ikunu wkoll b’lingwi differenti, naturalment bis-sottotitli ħalli dak li jkun isegwi u allura għaliex le? Il-Gvern jemmen li hemm talent biżżejjed u l-enerġija meħtieġa f’pajjiżna biex dawn it-talenti tagħhom ikunu jistgħu nuruhom m’udjenza lokali imma wkoll barra minn Malta.”
Min irid japplika għal dawn il-fondi, irid iżomm quddiem għajnejh li l-kontenut li jrid joħloq, ikun attraenti għall-udjenza lokali imma wkoll internazzjonali.
Biex jikkwalifikaw, il-kumpaniji jridu jkunu rreġistrati fl-Unjoni Ewropea ma’ kumpanija operattiva rreġistrata f’Malta.
Kumpanija jrid ikollha minn tal-inqas direttur wieħed li jkun ċittadin Malti jew Ewropew.
Kwalunkwe Gvern m’għandux ikollu ishma li jaqbżu l-għaxra fil-mija fil-kumpaniji li japplikaw, u l-kumpaniji inkwistjoni ma jistgħux ikunu affiljati ma’ xi partit politiku jew reliġjon.
Il-fondi f’din l-iskema jistgħu jintużaw għall-akkomodazzjoni, il-kostruzzjoni tas-sett, il-pagi, kiri ta’ studjo jew uffiċini, kiri ta’ makkinarju u ħwejjeġ, fost l-oħrajn.
Fost il-produzzjonijiet eliġibbli hemm dawk ta’ televiżjoni u pjattaformi online, films, serje televiżivi, dokumentarji, u films immirati għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Id-dettalji kollha b’rabta ma’ din l-iskema jinsabu fuq is-sit www.msd.gov.mt.