Il-kumpanija turistika tal-cruiseliners, Norwegian Cruise Line Holdings, sussidjarja ta’ Oceania Cruises, ħabbret fond ta’ scholarships għall-memorja ta’ Neville Mifsud – pijunier fi-settur turistiku u l-industrija tal-cruises f’pajjiżna.
Dan il-fond se jagħti s-sostenn lil studenti li jaspiraw karriera fl-ospitalità u t-turiżmu mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, speċifikament f’livell ta’ Masters fil-programm tal-International Hospitality Management.
Dawn il-boroż ta’ studju se jiġu offruti wara proċess tal-għażla bbażat fuq is-suċċess akkademiku tal-istudent.
Id-direttur maniġerjali tal-kumpanija SMS Group, Simon Mifsud, iben Neville Mifsud, qal li dawn l-istudenti qed jingħataw l-opportunità li jkomplu jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom.
“Aħna nieħdu gost u huwa ta’ unur għalija, għal ħija u għall-mama’ illi dan il-kors se jkollu l-isem tal-papa’ li tant kien jemmen fl-edukazzjoni u ovjament fl-industrija, kemm tat-turiżmu u kemm tal-cruises. Rajna illum li ħarġet fl-istat of union l-issue illi Malta t-turiżmu huwa l-akbar industrija li għandna u għaldaqstant huwa ferm importanti l-edukazjoni ninvestu ovjament fit-talent tal-futur li jkun qed isir.”
Simon Mifsud – Direttur, SMS Group
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, qal li l-Istitut se jipprovdi wkoll skont ta’ għaxra fil-mija lill-appikanti kollha li se japplikaw u ma jintagħżlux għal dan l-ischolarship.
“Aħna ovjament ħadna pjaċir ħafna għax dan ħa jkun qed jagħti opportunita’ lill-istudenti tagħna biex ikomplu jistudjaw u jkomplu jimirħu fis-settur tat-turiżmu. Jiena nixtieq li bħalma għamlu dawn il-kumpaniji, ikun hemm kumpaniji oħrajn illi jagħmlu l-istess ħalli dejjem ninvestu aktar fl-istudenti tagħna, li huma l-futur, huma jridu jmexxu l-futur tal-industrija tagħna.”
Pierre Fenech – Kap Eżekuttiv, ITS
Dawk eleġibbli huma mħeġġa japplikaw bejn is-26 ta’ Ġunju u t-12 t’Awwissu. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-ITS.