Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda programm ġdid ta’ finanzjament li jappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ oqsma speċjalizzati fl-Industriji Kreattivi u Kulturali. Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi ġiet imfassla biex tgħin il-ħolqien u l-appoġġ ta’ pjattaformi li għandhom jipprovdu servizzi mmirati biex jaċċelleraw it-tkabbir tas-settur b’mod sostenibbli u jgħinu lil professjonisti tal-kreattività jtejbu l-prodott tagħhom u jmorru fis-suq bl-ideat kreattivi tagħhom. Il-benefiċjarji tal-programm se jkunu jistgħu jipprovdu s-setturi speċjalizzati b’għadd ta’ servizzi li jvarjaw minn aċċess għal ‘mentoring’ professjonali, ‘networking’ u opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni internazzjonali. Ser ikunu jistgħu joffru spazji komuni tax-xogħol u jagħtu appoġġ għall-iżvilupp tal-esportazzjoni.
“Dan il-programm se jwassal ghall-qabża oħra fil-kwalita tas-settur artistiku”, tenna il-Ministru Owen Bonnici. Hu spjega kif din il-qabża se tirrifletti fuq tlett livelli: aktar opportunitajiet frott aktar kollaborazjoni bejn l-artisti, aktar xogħol fis-settur kulturali u aktar professjonalitá fis-settur kulturali. Il-Ministru Bonnici temm jghid li fl-aħħar mill-aħħar dan se jkompli jgħin biex aktar artisti jagħżlu li jkomplu bil-karriera tagħhom fl-arti u l-kultura.
Permezz ta’ dan il-fond, il-Kunsill Malti għall-Arti se jidħol fi ftehim ta’ kollaborazzjoni għal tliet snin ma’ pjattaformi li jressqu flimkien numru ta’ individwi jew kumpaniji mill-istess industrija. Il-proposti magħżula jistgħu jirċievu sa €50,000 fis-sena.
Is-Settur tal-industriji Kulturali u Kreattivi huwa settur li fl-aħħar seba’ snin baqa’ jikber b’mod kostanti. Illum dan is-settur jammonta għal 7% tal-Valur Gross Miżjud li trendi l-ekonomija. Bejn l-2010 u llum, is-settur kiber b’rata medja ta 9% fis-sena, medja rifless ukoll fis-snin 2005-2010.