Il-Gvern nieda fond ta’ mitejn u erbgħin elf ewro li l-għan tiegħu huwa li jappoġġja l-iżvilupp ta’ kontenut kulturali u kreattiv fuq stazzjonijiet tax-xandir privati sabiex itejjeb il-kwalità tal-programmi televiżivi f’Malta.
Dan il-finanzjament pubbliku, bl-isem ta’ KulturaTV, jagħti appoġġ fl-iżvilupp ta’ programmi awdjoviżivi ambizzjużi u mmexxija mill-kwalità b’potenzjal għal distribuzzjoni internazzjonali.
Il-proġetti jistgħu jinkludu l-produzzjoni ta’ drama oriġinali, dokumentarji kreattivi innovattivi u programmi kulturali.
Stazzjonijiet privati liċenzjati mill-Awtorità tax-Xandir ta’ Malta u kumpaniji awdjoviżivi rreġistrati huma eliġibbli sabiex japplikaw għall-appoġġ finanzjarju.
Barra minn hekk, l-iskema għandha l-għan ukoll li tagħti appoġġ fit-traduzzjoni ta’ letteratura u skrittura Maltija oriġinali għal kwalunkwe lingwa oħra, inklużi s-sottotitolar, it-traskrizzjoni u s-sottotitolar deskrittiv.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi spjegat li dan il-fond huwa wieħed minn tnax-il skema Restart, tal-Kunsill Malti għall-Arti li jallokaw fondi diretti li jammontaw għal aktar minn tlieta punt sitta miljun ewro.
Qalet, “Inħeġġeġ lil minn qiegħed f’dan ix-xogħol li jipproduċu xogħol awdjo-viżiv, jesperimentaw, japplikaw, jippruvaw joħorġu b’ideat u kunċetti. Imbagħad jabbina ma’ stazzjon televiżiv privat.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti José Herrera qal li flimkien ma’ inizjattivi oħra mnedija mill-Kunsill, dan il-fondi se jikkumplimenta proċess sħiħ u jkompli jiġbor fih it-talenti tal-artisti Maltin.
Spjega, “Din hija s-sitta u għoxrin skema li nħarġet fl-aħħar xahar. Li huwa ammont rekord ta’ skemi u inizjattivi li qatt inħarġu mill-Kunsill Malti għall-Arti.”