Ħarġet ir-raba’ sejħa għall-applikazzjonijiet għal fond tal-organizzazzjonijiet volontarji.
Fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca spjegat permezz tal-fond ta’ €900,000 li ngħata s-sena l-oħra, ġew iffinanzjati 66 inizjattiva differenti.
Min-naħa tiegħu l-Professur Carm Borg fisser kif l-għan ewlieni ta’ dan il-fond huwa t-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, sabiex iħeġġeġ aktar volontarjat b’risq dawn l-aktar vulnerabbli u jkattar il-kooperazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji.
Dan il-fond se jkun miftuħ biss għal għaqdiet volontarji reġistrati u konformi mal-aspettativi.
Il-proġetti li se jkunu kkunsidrati huma dawk soċjali ta’ sentejn u li jista’ jkollhom element infrastrutturali li ma jistax jaqbeż 40% tal-ammont kollu tal-finanzjament mitlub.