Erbat ijiem wara l-Għid il-Kbir, kull sena, mijiet ta’ persuni ta’ kull età jinġemgħu fiż-Żejtun u Marsaxlokk biex ilkoll jiċċelebraw il-festa ta’ San Girgor, inkluż bl-attivitajiet tradizzjonali fiż-żewġ lokalitajiet, inkluż bl-għana, logħob tat-tombla, ikel u xorb, f’atmosfera mill-isbaħ.
Bħala parti mill-programm kulturali u folkloristiku marbut ta’ din il-festa ttella’ wkoll kunċert fil-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun minn Kor Malta u saret l-purċissjoni tradizzjonali mill-Kappella ta’ San Klement sal-Knisja ta’ San Girgor.
Hawnhekk il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, attendew għall-attivitajiet relatati, waqt li daru ma’ dawk li kienu preżenti.
Minn hawn, l-attivitajiet issoktaw aktar tard fir-raħal tas-sajjieda, kif trid ukoll din it-tradizzjoni antika.
ONE News terraq max-xatt ta’ Marsaxlokk fejn hemmhekk tkellem ma’ għadd ta’ persuni preżenti li lkoll qasmu magħna kif proprju qattgħu dan il-jum u għaliex hu daqstant għal qalbhom.