Ħamest ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ingħata merħba kbira mill-komunità żgħira tax-Xgħajra. Komunità li kellha biss kliem ta’ tifħir għall-ħidma ta’ Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u li jemmnu li l-wegħdi li qed ipoġġi quddiemhom għal darb’oħra se jkunu qed jitwettqu.
Il-Mexxej Laburista saħaq li dak li nkiseb tul l-aħħar erbà snin ma jistax jintilef u għalhekk ħeġġeġ lin-nies biex joħorġu jivvotaw kmieni ħalla wara nofsinhar ikomplu jgħinu lill-Partit Laburista jwassal il-messaġġ ta’ rieda tajba lil aktar nies. Huwa temm b’appell “Ejja ħa naħdmu għax flimkien ħa naslu.”