Din is-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jitella’ bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, ġewwa Dar il-Mediterran.
Bħal edizzjonijiet preċedenti, din is-sena l-Festival se jiftaħ b’konferenza li f’din l-edizzjoni se tittratta l-letteratura fantaxjentifika u se titmexxa minn għadd ta’ awturi kemm lokali u anke internazzjonali, fosthom Loranne Vella, awtriċi li taħdem fi Brussell u li fl-2018 rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bi rumanz ‘Rokit’ (ippubblikat minn Merlin Publishers). Il-kittieba internazzjonali li se jipparteċipaw f’din il-konferenza huma Jon Courtenay Grimwood, li huwa mwieled Malta, kif ukoll Kali Wallace, u Dave Rudden.
Matul il-ġimgħa se jżuru l-Festival għadd ta’ skejjel. Għalihom qed jitħejja programm speċjali ta’ attivitajiet kemm kulturali, kif ukoll divertenti li jinkludu drammi, attivitajiet ta’ qari u laqgħat ma’ kittieba.
Barra minn dan, grupp ta’ atturi, taħt it-tmexxija ta’ Antonella Axisa se jaddattaw il-kotba tal-Premju Terramexka 2018 għal fuq il-palk. Dawn il-produzzjonijiet se jittellgħu f’Republic Hall f’Dar il-Mediterran.
Wara s-suċċess li għamlu fl-edizzjoni li għaddiet, din is-sena d-duo Danusan se jerġgħu jieħdu sehem bi produzzjonijiet ġodda bbażati mill-kotba li jkun għadhom kif rebħu l-Premju Terramaxka 2019.