Matul ix-xahar ta’ Novembru, it-temp kompla jiksaħ u x-xita kompliet tiżdied, tant li l-gżejjer Maltin irreġistraw aktar minn mija u seba’ millimetri ta’ xita – kważi sitt millimetri aktar min-norma klimatika.
Fl-ewwel għaxart ijiem ta’ Novembru seħħu tliet maltempati, segwiti minn erba’ maltempati oħra – waħda minnhom bis-silġ.
Il-ħamsa u għoxrin ta’ Novembru kien l-aktar jum imxarrab, bi tmienja u għoxrin punt tmien millimetri ta’ xita.
L-aktar jum sħun kien is-sitta ta’ Novembru b’temperatura ta’ ħamsa u għoxrin grad celcius, filwaqt li l-aktar jum kiesaħ kien il-wieħed u għoxrin ta’ Novembru b’temperatura ta’ għaxar gradi celcius.
It-temperatura medja tax-xahar kienet tmintax-il grad celcius.
Minkejja x-xita u l-maltemp, Novembru kien xahar aktar xemxi mis-soltu, fejn il-gżejjer Maltin gawdew aktar minn mija u tmenin siegħa ta’ xemx, medja ta’ sitt sigħat kuljum.