Ftit tal-ħin ieħor, propju f’nofsinhar se jitressqu l-Qorti żewġ Kuntistabbli minn tlieta li ġew sospiżi fuq allegat vjolenza fuq persuna, F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif l-allegazzjonijiet saru minn Kuntistabbli oħrajn nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru.
L-allegazzjonijiet ikkonċernaw tliet kunstistabbli u kif abbużaw mill-poter tagħhom billi allegatament wettqu vjolenza fuq persuni barranin. Il-Kummissarju spjega kif dakinhar stess skattat investigazzjoni interna fil-Korp li wasslet biex is-Sibt, il-Kuntistabbli involuti ġew infurmati li kienu sospiżi mill-Korp.
Wieħed mit-tliet kuntistabbli ilmenta li kien qed iħoss xi uġigħ u b’hekk ittieħed l-Isptar Mater Dei, is-Sibt. Huwa għadu qiegħed jiġi rikoverat u hu mistenni li se jitressaq il-Qorti aktar ‘il quddiem. Madanakollu fil-konfront taż-żewġ kuntistabbli l-oħra ġie spjegat kif huma ser ikunu akkużati b’serq ta’ persuna, offiża gravi u trattament ħażin fost l-oħrajn.
Il-Kummissarju qal li s’issa il-Korp jaf b’żewġ episodji differenti fuq żewġ persuni, li sofrew minn ġrieħi ħfief marbuta ma’ dawn l-allegazzjonijiet. Gafà innota li l-Korp ma jittollera l-ebda tip ta’ abbuż ta’ poter mill-Kuntistabbli tiegħu.
Huwa aċċenna wkoll għat-titjib fil-governanza tajba li sar fil-Korp matul dawn l-aħħar sentejn fosthom fil-kodiċi ta’ etika ġdid u l-faċilità li pulizija jagħmel rapport fil-korp b’mod anonimu, body cams u screening tal-Pulizija. Il-Kummissarju temm jirringrazzja lil maġġoranza l-kbira tal-persuni fi ħdan il-Korp li jwettqu xogħolhom b’serjetà kbira.