F’nofs Ġunju se jerġa’ jibda jsir il-quddies fil-knejjes. Dan bħala parti mir-rilaxx ta’ kważi l-kumplament tar-restrizzjonijiet.
Il-quddies se jibda jsir fuq numru ta’ kundizzjonijiet.
Fl-aħħar ġimgħat spikkaw xeni tas-saċerdot iqaddes waħdu fil-knejjes filwaqt li ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies ġiet trażmetta fuq it-televiżjoni.
Ġimagħtejn ilu bdew isiru l-funerali b’numru ta’ miżuri fosthom li jsiru fi knejjes kbar u li fil-knisja ma setax ikun hemm iżjed minn għoxrin persuna.
Fejn kien possibbli l-funerali saru fuq iz-zuntier jew fiċ-ċimiterju.
Intant iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-festi tal-qaddisin patruni tal-irħula Maltin u Għawdxin mistennija jsiru iżda l-festi esterni mhux se jiġu ċċelebrati.
Il-kurja kienet qalet li fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, dejjem jekk ikun possibbli, isir pellegrinaġġ bl-istatwa tal-qaddis fil-jum tal-festa.
Ritratt: Xagħra Parish