Fi New York, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat attenda wkoll għal laqgħa ta’ livell għoli bit-tema “Sejħa Globali biex tkun protetta il-libertà tar-Reliġjon” li kienet immexxija mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump.
Id-diskussjoni saħqet dwar l-importanza t’appoġġ internazzjonali biex ikun protett il-wirt reliġjuż fid-dawl tal-persekuzzjoni ta’ nies minħabba t-twemmin tagħhom, flimkien ma’ attakki li kulma jmur qed jiżdiedu fuq postijiet ta’ qima.
Il-Gvernijiet kollha kienu mħeġġa jagħmlu dmirhom u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem biex ikunu ħielsa jagħżlu huma liem reliġjon iridu.
Fi stqarrija tal-Gvern Malti ngħad li pajjiżna huwa kommess li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, partikolarment membri ta’ gruppi żgħar, u individwi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.
Żied jingħad li bħalissa Malta qed taħdem biex twaqqaf istituzzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem li tassigura ugwaljanza, u tindirizza d-diskriminazzjoni.