“Nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar. Nindirizzaw fejn meħtieġ u nwettqu r-riformi meħtieġa.”
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal Għaxaq, il-Ħadd filgħodu.
Il-Mexxej Laburista beda l-messaġġ tiegħu billi fakkar kif pajjiżna ħareġ b’saħħtu minn diversi sfidi. Fosthom semma, l-isfida tal-Moneyval u l-lista l-griża tal-FATF li pajjiżna ħareġ minnha f’qasir żmien, dik tal-pandemija u wara dik tal-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Prim Ministru nnota li din l-attitudni matura u serja waslet ukoll biex saru sensiela ta’ riformi oħra fil-qasam tal-governanza tajba, bit-tibdil fil-mod ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, il-ġudikatura, l-Prim Imħallef u l-President tar-Repubblika.
Bl-istess attitudni, tenna li pajjiżna se jkun qiegħed jembarka fuq ir-riforma fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA.
“Din l-istess attitudni li se nkunu qegħdin naħdmu biha b’rabta mas-sentenza li ngħatat nhar il-Ġimgħa, li ħassret erba’ ftehimiet illi jikkonċernaw l-isptartijiet tagħna.”
Dwar dawn l-erba’ kuntratti, li tnejn minnhom imorru lura għall-2015 u t-tnejn l-oħra għall-2016, diġà kien hemm rapporti mingħand l-Awditur Ġenerali u li l-Gvern dejjem tkellem b’mod konsistenti dwarhom.
Dr Abela fakkar kif fl-2020 bgħat messaġġ ċar li t-tagħlimiet li ħarġu mingħand ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali se jkunu qegħdin jittieħdu.
Il-Prim Ministru tenna kif dan il-Gvern dejjem ħa pożizzjoni ċara u b’saħħitha, dik li Steward għandha tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha.
“F’dawn l-aħħar tliet snin ħadna deċiżjoni li kienet waħda konsistenti fil-konfront ta’ Steward, illi riedet tonora l-obbligi kuntrattwali illi kienet marbuta bihom. Meta ġew biex iħabbtulna, u ġew biex iħabbtulna għal dabra, darbtejn, tliet darbiet, għal iżjed u qalulna ejja nibdlu l-ftehimiet u ntukom iżjed. Il-pożizzjoni tagħna dejjem kienet, għidna le.”
Dan wara li l-Gvern qies is-sitwazzjoni b’reqqa biex b’hekk ttieħdet din id-deċiżjoni fl-interess nazzjonali.
Barra minn hekk, Dr Abela stqarr kif dejjem kien ċar ma’ Steward.
“Dejjem kont ċar magħhom fuq punt importanti ħafna, u mhux qiegħed ngħidu llum għaliex diġà stqarrejtu pubblikament qabel illi fl-eventwalità li kienet se tiġi tterminata l-konċessjoni kont se niġġieled bis-saħħa biex ma jieħdu ebda kumpens minn dak li kienu qegħdin jippretendu.”
Dwar l-aspett legali, l-Prim Ministru Abela ma naqasx milli jinnota l-investigazzjoni li nfetħet mid-Dipartiment tat-Taxxi interni dwar Steward Healthcare.
Il-Prim Ministru spjega li f’dan il-punt fil-proċess, il-Gvern daħħal rikors quddiem il-Qorti biex jiqsar il-perjodu tal-appell, dwar dan ir-riskors il-Qorti se tiddeċiedi nhar l-Erbgħa.
Intant, f’każ ta’ appell, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkun qiegħed jitlob lill-Qorti biex dan jinstema’ b’urġenza, biex b’hekk il-pajjiż ikollu ċ-ċertezza legali b’mod spedit.
Dr Abela nnota wkoll li nhar it-Tnejn il-Parlament ukoll se jkun qiegħed jiddiskuti dan kollu fuq talba tal-Gvern stess.
Madankollu, il-Prim Ministru stqarr kif il-prijorità ewlenija dejjem kienet li s-servizz tas-saħħa provdut f’pajjiżna jkun ssalvagwardjat.
B’hekk il-Mexxej Laburista ta’ serħan il-moħħ fuq tliet affarijiet fejn jidħol is-servizz tas-saħħa f’dawn l-isptarijiet.
“L-ewwel, li kull deċiżjoni li nieħdu se tkun xprunata mill-interess nazzjonali dik kienet ir-responsabbiltà li għabbejtuni biha tliet snin ilu u llum dik ir-responsabbiltà se nerfagħha aktar minn qatt qabel. It-tieni, illi l-impjiegi kollha tal-impjegati li jaħdmu fl-isptarijiet tagħna huma garantiti, dan il-pajjiż għandu bżonn is-servizz tagħkom, serrħu raskom mill-għajxien tagħhom, mill-impjieg tagħkom, serrħu raskom li l-ħobża ta’ kuljum tagħkom se tibqgħu taqilawha. It-tielet punt, daqstant ieħor importanti, forsi l-iktar importanti anzi, li s-servizz tas-saħħa li jingħata minn dawn l-isptarijiet se jibqa’ jingħata b’mod normali.”