FʼMejju din is-sena, in-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna kien stmat li jlaħħaq it-351,839. Żieda taʼ 23.5 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel, meta Malta rreġistrat rekord fit-turiżmu.
Mill-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, joħroġ li f’Mejju 318,366 turist żar Malta għal btala, waqt li 23,243 persuna oħra ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol u negozju.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena u warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena. Dawn il-faxex ta’ turisti ammontaw għal 38.4% u 32.1% rispettivament.
Residenti mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza kienu jammontaw għal 46.2 fil-mija tat-turisti kollha li waslu fostna.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli li qattgħu f’Malta wkoll telaʼ bʼ20.8 fil-mija u qabeż iż-żewġ miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli, jiġifieri 88.9 fil-mija, tqattgħu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjarat kien jammonta għal 5.8 iljieli.
FʼMejju 2024, in-nefqa sħiħa tat-turisti għaddiet it-€310.7 miljun, li hi żieda qawwija taʼ 30.6 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel.
Dan fisser li l-infiq medju kull lejl kien stmat għal aktar minn €153.