Matul Mejju, l-ekonomija Maltija kompliet tirkupra mill-impatti tal-pandemija u l-kundizzjonijiet tan-negozju kienu pożittivi.
Dan skont l-aħħar aġġornament ekonomiku li ħareġ il-Bank Ċentrali ta’ Malta, li nnota kif skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, is-sentiment pożittiv inħass fis-setturi kollha għajr tnaqqis marġinali fis-settur tal-ħwienet bil-bejgħ tal-imnut.
L-esperti ekonomiċi tal-Bank Ċentrali rrimarkaw ukoll li f’Mejju l-qgħad kompla jonqos meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra u anki mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra, meta faqqgħet il-pandemija f’Malta.
Intqal ukoll li f’April li għadda, il-produzzjoni industrijali kibret b’mod sinifikanti fuq April tas-sena l-oħra hekk kif is-settur tal-manifattura kompla jirreġistra andament b’saħħtu.
Indikatur ieħor li juri l-irkupru tal-ekonomija Maltija mill-pandemija huwa l-valur tas-self għal dawk soġġetti għal moratorju, li kompla jonqos.
Il-valur tas-self lill-familji u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta’ April kompla jonqos bi ftit għal €281.8 miljun, ekwivalenti għal 2.3% tas-self pendenti.
Fi kliem l-esperti tal-Bank Ċentrali, dan jissuġġerixxi rkupru fid-dħul, fost oħrajn.
Intqal li sal-aħħar ta’ April ġew approvati 587 faċilità ġdida taħt il-Bank Malti għall-Iżvilupp li qed jamministra l-iskema ta’ garanzija tal-Covid-19.
Din hija skema li tgħin fil-likwidità tan-negozji milquta mill-pandemija.