Stqarrija maħruġa mill-Eurostat tindika li r-rata ta’ qgħad f’Malta kienet 4.1% f’Mejju, jew anqas min-nofs ir-rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. Għal Malta din hija l-anqas rata ta’ qgħad f’dan ix-xahar mindu bdiet tigi ppublikata din l-istatistika fis-sena 2000.
Pajjiżna għandu t-tieni l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, bil-Germanja biss għandha rata 0.2 punt perċentwali anqas. F’Marzu 2013 id-distakk bejn Malta u l-Ġermanja kien erba’ darbiet akbar.
Mill-bidla fil-Gvern fl-2013 kien hemm tlettax-il darba meta pajjiżna wasal għal rekord ġdid fejn tidħol rata baxxa ta’ qgħad. Sa tmiem il-leġiżlatura li għaddiet l-anqas rata ta’ qgħad kienet 5.8%. Taħt din l-amministrazzjoni dan ir-rekord tniżżel darbtejn fl-2014, erba’ darbiet fl-2015 u sitt darbiet fl-2016 u darba fl-2017.
Bejn l-2008 u l-2012 bħala medja r-rata ta qgħad f’pajjjżna kienet tlaħħaq 6.5%, jew kważi żewġ punti u nofs perċentwali aktar mir-rata preżenti. Fi tmiem l-2010 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.1%, jew tliet punti aktar millum. Lejlet l-ahhar budget tal-Gvern precedenti, skont il-Eurostat kien hemm 4,000 aktar persuna bla xogħol milli hawn illum.
Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ skemi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħal-garanzija għaż-żgħażagħ.
F’erba’ snin pajjiżna kellu żieda fl-impjiegi aktar minn dik fit-tliet leġiżlaturi preċedenti meħuda flimkien. Mentri lejlet l-elezzjoni kien hemm min beda jbeżża li se jitlaq ix-xogħol, il-Eurostat qed tindika li filwaqt li kien qed jingħad dak il-kliem pajjiżna kellu l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta pajjiżna. Il-Gvern ser ikompli jaħdem ħalli l-ġlieda kontra l-qgħad tkompli tintrebaħ.
Dwar dan kiteb ukoll il-Prim Ministru Joseph Malti fuq Twitter li rrimarka kif pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tiegħu.
In May #Malta again registered lowest unemployment rate in our history, 2nd lowest in euro zone, 3rd lowest in EU -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 3, 2017