F’Mejju li ġej se titlesta l-estensjoni ta’ San Vinċenz De Paul li tinkludi l-binja ta’ erba’ blokok ġodda b’500 sodda.
Il-proġrett b’nefqa ta’ madwar €30 miljun se jitlesta fi żmien seba’ xur biss.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-proġett se jara investiment ta’ 247 miljun oħra fuq medda ta’ 10 snin.
Spjega li 72% tal-kmamar se jkunu għall-anzjani b’dipendenza għolja u l-bqija se jkunu mgħammra għall-persuni bid-dimensja.
Waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla, il-perit responsabbli mill-proġett, Darren Sciberras qal li l-binjiet il-ġodda nbnew fuq medda ta’ 33,500 metru kwadru.
Is-Sur Sciberras stqarr: “Il-proġett jinsab għaddej fis-stadju avvanzat ħafna, hemm 85% tal-kostruzzjoni tinsab diġà lesta bħala bini għanek 70% ta’ servizzi huma lesti wkoll u għandek il-finishes u elementi oħra li jinsabu fis-stadju avvanzat ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza Josianne Cutajar fissret dan il-proġett bħala ħolqa minn katina ta’ proġetti f’San Vinċenz. Spjegat li l-binja l-gdida se tkun mgħammra b’apparat tal-aħħar teknoloġija.
Dr Cutajar qalet li permezz ta’ din l-estensjoni l-kapaċità u l-operat ta’ San Vinċenz kważi se jirdoppja. Hija spjegat: “Ħa jkunu qegħdin f’dawn l-iswali li l-finishing tagħhom se jkun state of the art li fil-preparamenti li qegħdin nagħmlu bħallisa ħa nassiguraw li tingħata livell ta’ kura bħall-iswalli li hemm ġewwa San Vinċenz jiġifieri livell ta’ kura għoli u li ħa naraw ukoll li jiġu osservati u nippromwovu il-kwalità ta’ ħajja għall-anzjani f’pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li b’dan il-proġett massiv se jindirizza l-lista ta’ stennija tal-anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza għolja u ma jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.
L-Onor Agius Decelis stqarr: “Dawn il-binjiet, erba’ binjiet kollox ħa jkunu qed jippreparaw lil pajjiżna għall-bżonn ta’ anzjani b’dipendenza għolja. Aħna nafu li deħlin f’perjodu li l-core-hole ta’ 60+, ħa jkun ikbar, diġà huwa 19% tal-populazzjoni u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se jkompli jikber.”
Huwa żied jgħid li bħalissa għaddejja ħidma fuq l-ingaġġ ta’ professjonisti u ħaddiema, minn speċjalisti u konsulenti fil-ġerjatrija għal paramediċi, għall-infermiera u carers.
B’kollox, se jkun hemm mas-600 ħaddiem, fosthom 120 infermier u 250 carer, flimkien ma’ konsulenti, tobba u paramediċi.
Qal li l-blokok ġodda qed jinbnew fuq zona ta’ 33,500 metru kwardu. Dan se jinkludi spazji miftuħa għas-soċjalizzazzjoni u attivitajiet għall-anzjani, kif ukoll dawk iddedikati għat-taħriġ tal-ħaddiema, multi-purpose room, sala tal-fiżjoterapija, u kappella. Fost il-faċilitajiet li se jkun jinkludi dan il-proġett, insibu pixxina terapewtika, gymnasium, hairdressing salon, laundry room, u parkeġġ.
L-Onorevoli Agius Decelis qal li dan huwa proġett ieħor massiv minn dan il-Gvern biex jiġu akkomodati iktar anzjani li ma jistgħux jibqgħu jgħixu fil-komunità, imma fl-istess waqt li jiġu ndukrati dawk li għandhom bżonn il-kura, filwaqt li jissaħħu wkoll is-servizzi fil-komunità biex kemm jista’ jkun l-anzjani tagħna jinżammu iktar f’saħħithom u iktar attivi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz Dr Josianne Cutajar qalet li l-estensjoni li qed issir hija l-akbar tkabbir li qatt sar minn mindu inbena il-kumpless ta San Vinċenz 126 sena ilu, meta beda b’madwar 1,000 sodda. Spjegat li biż-żieda ta’ 500 sodda, se tfisser żieda ta 45% tal-capacity u 45% tkabbir fl-operat. Minħabba ż-żieda fl-operat, Dr Cutajar spjegat li qed issir ħidma intensiva biex kif tiftaħ l-estensjoni f’Mejju li ġej, il-ħaddiema jkunu ingaġġati u mħarrġa bil-lest għall-kura li se tingħata lil 500 anzjan.
Dr Cutajar qalet li bħalissa għaddeja ħidma kbira fuq l-ingaġġ ta professjonisti u ħaddiema, minn speċjalisti u konsulenti fil-ġerjatrija għal paramediċi, infermiera u carers. B’kollox se jkun hemm madwar 600 ħaddiem fosthom 120 infermier u 250 carer, flimkien ma’ konsulenti, tobba u paramediċi.
Dr Cutajar qalet li għaddej ukoll proċess biex jinxtara l-apparat kollu meħtieġ f’dan il-qasam, apparat li se jkun ta l-ogħla livelli bl-aħħar teknoloġija.