Matul Mejju, il-produzzjoni industrijali żdiedet bi kważi 3% fuq ix-xahar ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika li spjegat ukoll li mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra, meta ma kienx hemm effetti tal-pandemija, il-produzzjoni industrijali naqset b’4.5%.
Din l-istatistika ssegwi oħra li ħarġet ix-xahar li għadda tal-Eurostat li wriet kif pajjiżna kellu t-tieni l-inqas tnaqqis fil-produzzjoni industrijali matul April.
Dan ifisser li fl-eqqel tal-pandemija, il-qasam tal-manifattura f’pajjiżna baqa’ reżiljenti.
Filfatt għax-xahar t’April kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea naqqas il-produzzjoni industrijali iżda Malta sofriet it-tieni l-inqas tnaqqis wara l-Finlandja.
It-tnaqqis f’pajjiżna kien kważi ħames darbiet anqas mill-medja Ewropea.
Filfatt fl-Italja, Spanja u Franza, tliet pajjiżi li kienu f’lockdown totali, it-telf tal-produzzjoni kien ivarja bejn terz u nofs dak tas-sena li għaddiet, kontra t-tlieta fil-mija biss f’pajjiżna.
F’Malta l-istorja kienet differenti hekk kif pajjiżna ma marx għal-lockdown totali u l-qasam tal-manifattura baqa’ jopera anki jekk bi sfidi minħabba l-imxija.
Fil-fatt l-fabbriki tħallew jaħdmu u ma kinux jeħtieġu daqstant għajnuna mill-Gvern għaliex xorta ma naqqsux ħafna ħaddiema.
Bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Gvern naqqas l-ispejjeż għall-fabbriki fejn fost l-oħrajn qed jagħti għajnuna fuq il-krijiet u spejjeż oħra ta’ taħriġ u tiġdid fil-produzzjoni.
Dan apparti li b’allokazzjoni ta’ €400 miljun, il-Gvern ħabbar li ser ikun qiegħed jagħmel l-akbar investiment fl-istorja fl-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.