F’Mejju l-ajruport laqa’ 726,299 passiġġier, jiġifieri żieda ta’ 7.7 fil-mija fit-traffiku meta mqabbel mal-istess xahar tal-2019. Sena li kienet meqjusa bħala rekord għat-turiżmu f’pajjiżna.
Filwaqt li l-ammont ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied b’4.3 fil-mija meta kkumparat mal-2019, il-medja tas-seat load factor (SLF) rat titjib ta’ 2.7 punti perċentwali meta mqabbla mal-istess sena, biex f’Mejju laħqet it-82.9 fil-mija.
F’Mejju, l-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif kienet responsabbli għal 24 fil-mija tat-traffiku tal-passiġġieri, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja.
L-Italja, Franza u Spanja rreġistraw żieda fit-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-riżultati miksuba fl-2019. Fil-każ tal-Italja u Franza, iż-żieda kienet riżultat ta’ żieda fit-titjiriet minn u lejn dawn id-destinazzjonijiet, filwaqt li l-popolarità tas-suq Spanjol kienet frott żieda fis-seat load factors.
Mill-banda l-oħra, it-traffiku tal-passiġġieri mir-Renju Unit u l-Ġermanja baqa’ inqas mil-livelli miksuba fl-2019 hekk kif il-konnessjonijiet bl-ajru bejn Malta u dawn iż-żewġt iswieq baqgħu ma ġewx irkuprati b’mod sħiħ.