F’Mejju li għadda, l-impjiegi rreġistrati bħala full time żdiedu b’5.4 fil-mija, filwaqt li dawk b’xogħol part-time żdiedu b’6.3 fil-mija, meta mqabbel mal-istess xahar is-sena tas-sena li għaddiet.
Minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li, fi żmien sena, il-ħaddiema full-time żdiedu b’11,724. It-total tal-ħaddiema full-time f’Mejju kien ta’ 251,573, filwaqt li f’Mejju tas-sena l-oħra kien hemm 240,000 ħaddiem.
Rigward xogħol irreġistrat full-time, iċ-ċifri tal-NSO juru li, meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra, l-akbar żidiet fl-impjiegi kienu fis-servizzi tal-akkomodazzjoni u fis-servizzi amministrattivi.
Fi żmien sena, ix-xogħol irreġistrat full-time żdied ukoll fis-settur privat, bi 12,700, biex b’kollox hawn kważi mitejn elf ħaddiem. Dan filwaqt li l-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu b’erbgħa u sittin persuna, biex dawn jgħoddu għal 51,119.
F’Mejju li għadda, dawk irreġistrati full-time u li jaħdmu għal rashom ukoll żdied meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra; kien hemm żieda ta’ 793 persuna.
F’dan is-settur, dawk irreġistrati bħala ħaddiema żdiedu bi kważi tnax-il elf persuna.
Meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra, f’Mejju li għadda kien hemm żieda ta’ 5.2 fil-mija fl-għadd ta’ rġiel irreġistrati b’impjegati full-time, filwaqt li n-nisa jaħdmu part-time żdiedu b’5.6 fil-mija.
Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li għandhom ix-xogħol part-time bħala x-xogħol primarju tagħhom, f’dan ix-xahar, kienu 33,230.