Persuna ttestjat negattiv għal Coronavirus wara li ddaħħlet l-isptar Mater Dei b’sintomi respiratorji.
Dan qalitu s-Supretendent tas-saħħa pubblika, il-Professur Charmaine Gauci li spjegat ukoll kif f’Mater Dei ttieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi aċċertat li l-pazjent ma kienx infettat bil-Coronavirus.
Waqt seminar għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-Professur Gauci spjegat li bħalissa għaddej taħriġ intensiv dwar il-Coronavirus.
Qalet li l-professjonisti għandhom jkunu jafu dwar x’għandu jsir f’każ li dan il-virus jidħol f’pajjiżna.
Dwar dan il-virus li beda fiċ-Ċina, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat għal passi sempliċi iżda importanti. Hija sostniet: “Bħalissa hawn ħafna viruses iduru madwarna, allura għandna nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nevitaw li jinfirxu. Min ikun ma jiflaħx, mhux biss mill-Coronavirus imma m’għadux imur għax-xogħol u lit-tfal ma nibagħtuhomx l-iskola. Importanti l-ħasil tal-idejn għax dan huwa l-aħjar meżż kif tista tevita li jkun l-infezzjonijiet u jekk persuna beħsiebha ssiefer importanti li nevitaw il-postijiet fejn hemm l-iffullar.”
F’kuntest li Malta qed tħejji ruħha bħala pajjiż parti mid-dinja li fih jista’ jidħol dan il-virus, il-Professur Gauci saħqet li l-pazjenti li jkunu suspettati li laqqtu l-Coronavirus jiġu iżolati u skrinjati.
Hija assigurat li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed ikunu b’seba’ għajnejn fuq persuni partikolarment ġejjin miċ-Ċina.
Waqt dan is-seminar tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li fisser kif is-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika, l-Awtoritajiet tas-Saħħa u t-Taqsima dwar l-Intelliġenza u l-Aċċess tal-Mediċini fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini qegħdin jaħdmu f’sinerġija biex jiżguraw rispons xieraq u sostnut għal żviluppi fl-emerġenza tal-Coronavirus.