Matul Marzu li għadda l-kuntratti ta’ bejgħ iffirmati u anki l-konvenji żdiedu fuq xahar qabel.
Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Fil-fatt meta Marzu li għadda jitqabbel ma’ Frar li għadda, kien hemm kważi mitt kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà iżjed irreġistrat.
Dan hekk kif f’Marzu kien hemm 1,165 kuntratt iffirmat filwaqt li fi Frar kien hawn 1,067.
Meta niġu għal konvenji, iż-żieda hija iżjed qawwija hekk kif fi Frar saru 967 konvenju filwaqt li matul ix-xahar li għadda saru 1,113-il konvenju, li jfisser żieda ta’ kważi 150 konvenju f’temp ta’ xahar.
Il-valur tal-proprjetà mibjugħa f’Marzu wkoll jiżboq dak ta’ xahar qabel.
Dan hekk kif filwaqt li fi Frar il-valur tal-proprjetà mibjugħa laħħaq il-mitejn u żewġ miljun u seba’ mitt elf ewro, f’Marzu l-valur laħħaq il-mitejn u erbatax-il miljun u erba’ mitt elf ewro.
Dan ifisser kważi żieda ta’ tnax-il miljun ewro f’temp ta’ xahar.
L-akbar numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà matul Marzu saru f’Għawdex u f’reġjun tan-Nofsinhar tal-pajjiż li jinkludi l-lokalitajiet ta’ Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Marsaxlokk fost oħrajn.