F’Marzu s-sentiment ekonomiku ta’ Malta reġa’ lura għal-livell li kien qabel il-pandemija. Dan skont stħarriġ magħmul mill-Kummissjoni Ewropea, liema stħarriġ juri wkoll li s-sentiment ekonomiku ta’ pajjiżna huwa aħjar minn dak tal-istess xahar sena ilu.
Meta wieħed jikkumpara dan ir-riżultat mal-bqija tal-Unjoni Ewropea jinnota li Malta hija waħda mill-uniċi pajjiżi b’titjib fis-sentiment ekonomiku.
Fil-fatt is-sentiment ekonomiku żdied bi 8% minn Frar li għadda u kważi 4% minn Marzu tal-2020.
Ta’ min jinnota wkoll li minkeja li ninsabu f’pandemija globali, is-sentiment ekonomiku f’Marzu li għadda huwa aħjar minn dak li kien f’Novembru tal-2012, fl-eqqel ta’ kriżi politika fil-Gvern ta’ GonziPN.
Meta mqabbel maż-żmien tal-kriżi finanzjarja tal-2009, il-medja tas-sentiment ekonomiku kien għaxar fil-mija inqas minn dak tal-lum il-ġurnata waqt pandemija globali li ħalliet effetti ekonomiċi kbar.
Dan il-livell ta’ sentiment ekonomiku ilu jissaħħaħ minn April tas-sena l-oħra, fejn Malta kellha l-inqas livell ta’ restrizzjonijiet meħtieġa biex titrażżan l-imxija.
Fl-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jidher li numru ta’ industriji f’Malta qegħdin iżidu l-produzzjoni tagħhom filwaqt li sebgħa u għoxrin fil-mija, jiġiferi aktar minn kwart minnhom qegħdin jantiċipaw titjib ekonomiku fix-xhur li ġejjin.
L-istess industriji huma ferm aktar produttivi, b’industriji jgħidu li għandhom ordnijiet daqs 14-il xahar ta’ produzzjoni, filwaqt li l-medja Ewropea hija biss ta’ ħames xhur.
L-istess jista’ jingħad għall-familji Maltin u Għawdxin, li qegħdin jistennew titjib fil-qagħda finanzjarja tagħhom filwaqt li l-familji Ewropej qed jistennew li l-qagħda finanzjarja tagħhom teħżien.