Stqarrija maħruġa lejliet jum il-ħaddiem mill-Eurostat tindika bħal dak irrappurtat il-ġimgħa l-oħra mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna fi tmiem Marzu li għadda kienet 3.5%.
Dan fisser żieda minima ta’ 0.1% fuq ix-xahar ta’ qabel.
Filwaqt li din hija zieda minn Frar, meta r-rata kienet tlaħħaq 3.4%.
Il-qgħad irreġistrat f’pajjiżna, fix-xahar li faqqgħet il-Coronavirus f’Malta huwa anqas minn terz tal-ammont ta’ persuni li kien hemm jirreġistraw f’Marzu tal-2013, filwaqt li huwa kwart tal-massimu osservat mindu pajjiżna ssieħeb fl fl-Unjoni Ewropea.
Bħala medja, qabel l-2013 ir-rata tal-qgħad fix-xahar ta’ Marzu kienet 6.9%, jew kważi d-doppju tar-rata osservata f’Marzu ta’ din is-sena.
Skont il-Eurostat fix-xahar ta’ Marzu kien hemm żieda ta’ aktar minn 240,000 persuna qiegħda madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan meta fl-Istati Uniti fl-istess żmien il-qgħad żdied b’1.3 miljun persuna
Malta, flimkien mal-Ġermanja, għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, wara l-Olanda.
Barra ż-żona ewro huma biss ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li għandhom rata anqas minn pajjiżna.
B’hekk l-istatistika Ewropea tindika li ż-żieda fir-rata tal-qgħad li pajjizna kellu wara l-ewwel xahar tal-pandemija kienet relattivament kontrollata anki fl-isfond tal-miżuri meħuda mill-Gvern biex ikun ta’ spalla lin-negozji u l-ħaddiema.