Fil-kampus tiegħu ta’ Ħal Luqa, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se jkun qed jorganizza t-tieni ‘Open Doors’ tiegħu nhar it-18 ta’ Marzu li ġej mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem għal dawk kollha li huma interessati f’karriera fl-oqsma varji tat-turiżmu.
Wara s-suċċess fl-ewwel edizzjoni f’Marzu tas-sena li għaddiet, l-ITS qed iħejji għall-avveniment tant mistenni, li din is-sena se jseħħ lejlet festa pubblika.
Studenti, li għadhom mhux deċiżi dwar il-futur tagħhom u oħrajn li jixtiequ jtejbu l-istudji tagħhom, se jkollhom l-opportunità li jiġu mgħarrfin aktar dwar il-possibbiltajiet fi ħdan l-Istitut, li kompla jissaħħaħ fl-aħħar snin b’iżjed korsijiet speċjalizzati.
Għal dan il-għan, dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jingaġġaw f’wirjiet u preżentazzjonijiet minn programmi ta’ studju, fosthom fl-immaniġġjar tas-sigurtà fl-għadds, l-ivvjaġġar u t-turiżmu, gwidi tat-turisti, fil-maniġment ta’ ospitalità internazzjonali, il-lingwi, l-ivvjaġġar favur il-klima, u t-tisjir, ix-xorb u l-ħelu.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn fuq is-sit uffiċjali (www.its.edu.mt) tal-Istitut.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI