In-numru ta’ nies qiegħda reġa’ naqas għax-xahar ta’ Marzu meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li f’Marzu li għadda n-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 2,387.
Dan ifisser kważi mitejn ruħ inqas mit-tieni xahar tas-sena, meta n-numru ta’ nies qiegħda kien ta’ 2,585.
Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għall-għaxar xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ 4,409, sat-tielet xahar ta’ din is-sena n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas b’aktar minn elfejn ruħ (2,022).
Dan ifisser li mqabbel ma’ Mejju li għadda, għax-xahar li għadda l-qgħad naqas bi kważi bin-nofs, waqt pandemija.
Intant fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dawn ir-riżultati inkoraġġanti b’rabta mas-settur tax-xogħol waqt pandemija globali.
Spjega kif f’Marzu, in-numru ta’ nies qiegħda kien taħt l-2,400.
Innota li f’Settembru tal-2009, sena wara l-kriżi finanzjarja, kien hemm kważi 7,600 ruħ qiegħda, tliet darbiet iżjed mil-lum.
Qal li l-politika progressiva tal-Gvern qed tagħmel id-differenza għall-familji u n-negozji.