Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, daħlu 486 resident ġdid fid-djar tal-anzjani f’pajjiżna.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attivà Michael Farrugia, hekk kif tħabbar li l-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali bdiet tagħmel stħarriġ ġewwa d-djar tal-anzjani kollha f’pajjiżna.
L-Uffiċjal tal-Awtorità tal-Istandards Soċjali, Dr Maria Pace qalet kif fl-ewwel xahar tas-sena kien hemm żieda kull xahar fid-dħul ta’ residenti ġodda.
Hawnhekk tħabbar kif f’Jannar daħlu 87 persuna ġdid f’djar tal-anzjani. Filwaqt li fi Frar, in-numru ta’ dawk li daħlu fid-djar tal-anzjani kien ta’ 133 resident ġdid u f’Marzu daħlu 266 resident ġdid.
Dr Pace qalet magħna x’fattur kien hemm għal din iż-żieda: “Kemm l-anzjani, kemm il-qraba tagħhom, bħalissa hemm serħan il-moħħ. Il-vaċċin ukoll, ir-rata għolja ta’ nies li ħadu l-vaċċin fir-residenzi tal-anzjani. L-ammonti drastiċi, in-nuqqas ta’ każijiet pożittivi u wassal għal serħan il-moħħ, kemm għar-residenti u anke l-qraba tagħhom.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal kif dan l-istħarriġ qed iwassal biex ikun hemm servizz tal-ogħla livell fid-djar tal-anzjani.
Huwa qal kif in-nuqqas ta’ restrizzjonijiet tal-pandemija mid-djar tal-anzjani qed iwassal biex jiżdiedu dawk li jidħlu fid-djar tal-anzjani.
Huwa tenna: “Qegħdin nagħmlu rapport xjentifiku u r-rapporti se jkunu qed joħorġu dak il-ħin stess, ġurnata waħda wara l-oħra. Dak huwa l-pjan tagħna biex eventwalment l-Awtorità għall-Istandards tista’ tibgħat l-assessuri tagħha ħalli jevalwaw x’inhija l-problema u jagħtu r-rakkamondazzjonijiet tagħhom.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal ukoll kif fid-djar tal-anzjani tlaqqmu madwar 97% tar-residenti fid-djar tal-anzjani. Qal ukoll kif il-Gvern qabeż il-mira tiegħu fil-pjan ta’ vaċċinazzjoni, hekk kif sal-aħħar ta’ Frar kienu tlaqqmu 90% b’minn tal-inqas l-ewwel doża.
Intqal ukoll kif f’Jannar 4,388 persuna kienu tlaqqmu bl-ewwel doża, waqt li 157 persuna kienu tlaqqmu kompletament.
Fi Frar tlaqqmu 3,217-il persuna tlaqqmu bl-ewwel doża, waqt li 5,746 persuna fid-djar tal-anzjani tlaqqmu kompletament.
Filwaqt li f’Marzu, tlaqqmu 1,968 persuna tlaqqmu bl-ewwel doża, filwaqt li 1,841 persuna tlaqqmu kompletament.
Intqal ukoll kif minn dan l-istħarriġ se joħorġu l-isfidi li jħabbtu magħhom l-anzjani.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella qal kif permezz ta’ din l-informazzjoni li għandu f’idejh il-Ministeru se jwassal biex tkun żviluppata l-istrateġija f’dan il-qasam għas-seba’ snin li ġejjin.