Nies li t-Tnejn filgħodu nzertaw Marsaxlokk jew kienu qed jgħumu raw xena mhux tas-soltu.
Kollox beda għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu meta l-Pulizija tad-Distrett irċevew rapport li ntlemaħ oġġett żgħir li seta’ kien bomba.
Minnufih membri tal-Forzi Armati marru fuq il-post, fejn bdew jevakwaw kull min kien hemm fuq il-bajja.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-oġġett huwa kkonfermat li hu bomba żgħira taż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
ONE News infurmat ukoll li li x’aktarx l-operazzjonijiet tal-Forzi Armati fuq il-post se jibqgħu għaddejjin sa aktar tard it-Tnejn filgħaxija u anke sat-Tlieta filgħodu.
F’Marsaxlokk, fi żmien it-tieni gwerra dinjija kien hemm stazzjonata dik magħrufa bħala l-Fleet Air Arm, waħda mill-fergħat tal-ammiraljat Ingliż.
Din m’hijiex l-ewwel u l-aħħar darba li nstabet bomba ta’ dan iż-żmien fil-gżejjer Maltin u l-ibħra ta’ madwarhom, hekk kif fi żmien il-Gwerra huwa maħsub li twaqqgħu aktar minn sittax-il elf tunellata ta’ bombi fuq pajjiżna.
Fil-fatt, f’Ġunju tas-sena l-oħra stess instabu żewġ bombi viċin Għajn Tuffieħa, u fortunatament ħadd ma weġġa’.