Frott il-ħidma li għamel pajjiżna f’dawn l-aħħar snin biex ta spinta qawwija lis-settur tal-gaming, mhux biss żdiedu l-kumpaniji li ġew Malta biex joperaw u joħolqu x-xogħol f’dan il-qasam, iżda nħoloq netwerk stabbli u dinamiku bejn l-istituzzjonijiet u l-azjendi li jippermetti li dawn il-kumpaniji jiffjorixxu.
Qal dan Roger Strickland, konsulent tal-operaturi ta’kumpaniji tal-Gaming, f’intervista ma’ dan l-istazzjon.
Huwa osserva wkoll li f’Malta jsiru diversi avvenimenti li jippromwovu internazzjonalment il-bosta opportunitajiet li pajjiżna joffri f’dan is-settur. Fost dawn, semma s-Summit SIGMA, li ftit jiem biss ilu laqa’ f’pajjiżna 25,000 delegat u 1,000 viżitatur minn 80 pajjiż differenti.
Roger Strickland qal li dan l-avveniment iġġenera attività ekonomika biżżejjed biex isostni l-ekwivalenti ta’ 950 impjieg għal sena.
“Naħseb li SIGMA saret l-ikbar expo fl-Ewropa fl-iGaming. Inkredibbli meta tisma’ n-numri: 25,000 viżitatur fil-fiera, 1,000 esebitur. Interessanti għax dawn huma, anke f’perjodu li saret il-fiera, f’Novembru, huwa perjodu li huwa daqxejn kwiet.”
Roger Strickland qal li, minn studju li sar fuq l-impatt ekonomiku li dan is-Summit ħalla, jirriżulta li dawn il-viżitaturi internazzjonali fuq medda ta’ sebat ijiem okkupaw aktar minn 60 fil-mija tal-lukandi ta’ 4 u 5 stilel f’Malta matul iż-żjara tagħhom.
Huwa qal li Malta qed tattira kumpaniji u industriji ġodda f’dan il-qasam tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, li huwa dipendenti ħafna wkoll fuq infrastruttura tal-komunikazzjoni b’saħħitha.
Qal ukoll li pajjiżna għandu talent kbir, b’diversi istituzzjonijiet edukattivi li qed joffru diversi programmi ta’ ċertifikazzjoni f’dan is-settur.
“Industrija tal-gaming, b’għoxrin sena ta’ storja f’Malta, jiġifieri a proven track record u, apparti hekk, insibu ħafna għajnuna mill-MGA, il-Gaming Malta, u minn ħafna assoċjazzjonijiet ġodda li iffurmaw dawn l-aħħar snin.”