Madwar mitejn elf persuna f’Malta jħossuhom waħedhom f’xi punt f’ħajjithom.
Dan joħroġ fi studju li sar mill-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, li sar għall-ewwel darba fl-elfejn u dsatax u reġa’ sar din is-sena, wara sentejn ta’ pandemija.
Mill-ewwel stħarriġ li sar tliet snin ilu għal dak li sar dan is-sajf, żdiedu l-persuni li esprimew elementi ta’ solitudni.
Dan l-istudju xjentifiku sar fost Maltin ta’ ’l fuq minn ħdax-il sena.
Dwar dan tkellimna mad-Dekan tal-Fakultà, il-Professur Andrew Azzopardi, li spjega kif hemm diversi fatturi li jistgħu jwasslu għas-solitudni, bħal problemi ta’ saħħa mentali, pressjonijiet fuq il-post tax-xogħol jew mill-familja, u problemi fir-relazzjonijiet, iżda mhux biss.
Qal, “Jiena naħseb li waħda mill-ikbar problemi hija li qed nitilfu s-sens tar-ritwal. Ir-ritwal li niltaqgħu, li nsibu ħin li nitkellmu, li nkunu nafu min huma n-neighbours tagħna, li nitkellmu ma’ tal-grocer – għax issa tmur is-supermarket, titfa’ l-affarijiet u ġirja ’l barra. Dawn l-affarijiet kollha li kien ikollna, dan l-inkontru – għax il-bniedem għandu bżonn ikun ma’ xi ħad – intilef on the way u minħabba f’hekk dawn il-mumenti ta’ dwejjaq ma jkollniex ċans li noħorġuhom barra mis-sistema.”
Il-Professur Azzopardi saħaq li wasal iż-żmien li nsibu mezzi ġodda, fiż-żminijiet tal-lum, ta’ kif ikollna dawn ir-ritwali li jżommu lill-bniedem f’kuntatt man-nies u parti mill-komunità.
Qal, “Hemm biżżejjed evidenza li turi li din hi issue li għandna bżonn neħduha bis-serjetà u nindirizzawha b’mod konkret.”
Il-pjanijiet huma li dan l-istudju jibqa’ jsir kull tliet snin biex ikun hemm stampa ċara tar-realtajiet fis-soċjetà Maltija u jkunu jistgħu jiġu maħsuba inizjattivi li jagħmlu sens għaż-żminijiet li nkunu fihom. B’hekk, b’mod konkret, jiġu megħjuna dawk li jħossuhom waħedhom.