Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra, il-prodott domestiku gross f’pajjiżna baqa’ ogħla mill-medja tiegħu storika ta’ madwar 4.0% u kien aktar mit-tripplu tat-tkabbir irreġistrat fiż-żona ewro.
Dan sostnieh il-Bank Ċentrali ta’ Malta li nnota wkoll li fit-tielet kwart tas-sena l-oħra, il-prodott domestiku gross f’termini reali kiber bl-istess ammont tal-perjodu msemmi s-sena ta’ qabel, jiġifieri 3.4%.
Il-prodott domestiku gross jagħti stampa tat-tkabbir ekonomiku u d-daqs tal-ekonomija.
Intant il-Bank Ċentrali nnota li bejn Lulju u Settembru li għadda, l-impjiegi komplew jiżdiedu filwaqt li r-rata tal-qgħad kompliet tonqos.
Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ 3.4%, inqas mir-rata ta’
3.6% rreġistrata sena qabel.
“Għalhekk, il-qgħad f’Malta baqa’ inqas min-nofs ir-rata medja ta’ 7.3% għaż-żona ewro u taħt il-kejl strutturali tal-Bank ta’ 4.0%”, saħaq il-Bank Ċentrali.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali nnota wkoll tnaqqis fl-inflazzjoni minn 1.8% f’Ġunju li għadda għal 1.6% f’Settembru tas-sena l-oħra.