Fit-tieni kwart ta’ din is-sena pajjiżna kellu l-akbar rata ta’ offerti ta’ xogħol – job vacancies – minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, minkejja li fl-ewwel nofs tal-2016 pajjiżna kellu t-tieni l-akbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, xorta min iħaddem għadu qed ifittex aktar ħaddiema biex ilaħħaq mal-opportunitajiet li hawn bħalissa.
Dan innotaħ il-Gvern fi stqarrija, fejn qal li f’Malta, l-employers għandhom offerti ekwivalenti għal 3.1% tal-postijiet kollha tax-xogħol, jew id-doppju tal-medja ta’ 1.8% madwar l-Unjoni Ewropea.
L-operaturi Maltin fil-qasam tal-manifattura u l-kostruzzjoni, skont il-Eurostat, qed ifittxu li jżidu l-impjiegi magħhom bi 3.4%. Dan huwa ogħla mill-bżonn ta’ħaddiema f’dawn is-setturi madwar l-Ewropa li jlaħħaq il-1.4%. L-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi għandhom vacancies ekwivalenti għal 3.4% tal-ammont ta’ ħaddiema li għandhom bżonn, aktar mid-domanda fil-bqija tal-UnjoniEwropea, jiġifieri 2%.
L-opportunitajiet qawwija ta’ xogħol qed jispikkaw minkejja li, fl-aħħar xhur,pajjiżna ra l-ammont ta’ nies jirreġistraw jaqa’ għal rekord storiku u ġiet irregistrata l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din hija konferma oħra tat-tkabbir qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Intant, stqarrija oħra maħruġa mill-Eurostat turi li, fit-tieni kwart tal-2016, il-pagi f’pajjiżna għolew b’1.5%. Din ir-rata hija kważi d-doppju tat-tkabbir fil-pagi li ġie irreġistrat bħala medja għall-ħaddiema fiż-żona ewro. Dan huwa indikatur ieħor ta’ kemm il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna qed jiżboq bil-bosta l-andament fil-pajjiżiġirien tagħna.
Dawn ir-riżultati juru li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol, b’miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ, iċ-childcare centres b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji soċjali u l-in-work benefits, qed iżżid in-numru ta’ persuni li jkunu jistgħu jaħdmu. Bħalissa pajjiżna għandu opportunità kbira biex ikompli jkabbar sew il-potenzjal ekonomiku tiegħu u dan il-Gvern se jagħmel minn kollox biex din l-opportunià tissarraf f’ġid akbar għall-familji u n-negozji tagħna.