Logħba tat-tim nazzjonali Taljan f’Malta se tiswa lill-partitrarji d-doppju ta’ logħba li se tintlagħab ftit tal-jiem wara fl-Italja. Fiż-żewġ każijiet, il-logħba hija waħda ta’ ħbiberija. L-għada li tkun intlagħbet il-finali taċ-Champions League, f’Malta l-Italja tilgħab kontra l-Iskozja. Dan bi tħejjija għall-Euros 2016.
Biex wieħed jara l-logħba f’Malta fl-awqa parti tal-istadium, l-Enclosoure, irid iħallas €75 u biex jara faċċata fil-Millenium Stand irid iħallas €50. Wara l-lasta (b’naħa minnhom riservata għall-Iskoċċiżi) l-prezz hu €26. Partitarju tat-tim Taljan li tkellem magħna qalilna li wieħed jistenna li jħallas prezz tajjeb meta jara timijiet ta’ dan il-livell, iżda xorta waħda ħass li l-prezz huwa wieħed għoli.
Irriċerkajna ftit u rajna x’inhuma l-prezzijiet tal-logħba kontra l-Fillandja l-ġimgħa ta’ wara. Logħba li se tintlagħab f’Verona, il-belt ta’ Romeo u Gulietta. L-iktar prezz għoli għal din il-logħba huwa ta’ €35 u saħansitra hemm każi fejn il-prezzijiet jinżlu għal €7, €10 jew €3,50 għat-tfal.
Ikkuntatjat minn one.com.mt kelliem għall-Malta Football Association fisser kif l-MFA kriet il-grawnd lill-organizzaturi u l-logħba mhix taggħha. Għalkemm għamel ukoll xi riflessjonijiet. “Ninfurmak li l-partita Italja vs Fillandja hi organizzata direttament mill-FIGC f’pajjiżhom u l-organizazzjoni mhux relatata mal-partita li se issir f’pajjiżna,” qal il-kelliem tal-MFA. Fisser l-Malta Football Association kriet il-faċilitajiet u s-servizzi tagħha lil terzi persuni biex jorganizzaw din il-partita. Għaldaqstant, il-faċilità sportiva u r-riżorsi umani se jkunu mmaniġjati mill-Assoċjazzjoni.
“F’kuntest ta’ futbol internazzjonali, il-prezzijiet huma tal-istess livell ta’ partiti oħra fl-Ewropa u għalkemm il-partita hi waħda ta’ ħbiberija, l-organizazzjoni tagħha xorta tiswa flejjes importanti, speċjalment meta ma tkunx direttament organizzata miż-żeġ assoċjazzjonijiet rispettivi, iżda minn kumpanija privata li taħdem fl-organizazzjoni ta’ avvenimenti internazzjonali,” qalilna l-kelliem tal-MFA.
Intant, anke jekk il-prezzijiet setgħu kienu xi ftit għoljin għal xi wħud oħrajn diġà qatgħu l-biljett tagħhom. “L-attendenza għandha tkun tajba, bl-Assoċjazzjoni Skoċċiża waħidha tikkonferma li se jivvjaġġaw aktar minn 1,000 partitarju Skoċċiż għall-partita, filwaqt li se jkunu diversi barranin Brittaniċi u Taljani residenti f’pajjiżna li mistennija jattendu. Il-pubbliku Malti għandu wkoll l-opportunita’ li jsegwi l-partita ta’ kalibru tajjeb ħafna, speċjalment lit-tim Taljan, ftit jiem qabel il-finali tal-Kampjoinat EURO 2016 li se jsiru fi Franza,” qal il-kelliem tal-MFA.
Temm jgħid li l-bejgħ tal-biljetti beda jipprogressa fl-aħħar jiem, speċjalment fis-setturi ta’ wara l-lasti fejn il-biljetti jiswew €26, iżda mhux biss, anki l-Millennium Stand beda jinbiegħ sew.