L-eroina baqgħet l-iktar droga li għaliha persuni f’pajjiżna jfittxu l-għajnuna, però għal sena oħra naqqset mill-popolarità.
Stħarrig tan-National Focal Point, bl-isem National Report on the Drug Situation in Malta, iħares lejn is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta billi jħares, fost oħrajn, lejn dawk li kienu qed jirċievu xi servizz dwar il-vizzju tad-droga.
Tkellimna dwar dan ma’ Manuel Gellel, wieħed mill-awturi tar-rapport. “Fl-2011 kellna 1862, issa għandna numru ftit iżgħar ta’ 1770 individwu li jkunu qed jirċievu xi forma ta’ servizz,” qal Gellel.
1,087 minn dawn kienu qed jagħmlu użu minn xi servizz, primarjament minħabba l-użu tal-eroina.
U mitejn, tnejn u għoxrin minn dawn l-elf, sebgħa mija u sebgħin ħadu l-ewwel trattament f’din is-sena.
Però dwar l-użu tal-eroina hemm raġġ ta’ dawl, jekk wieħed jista’ jsejjaħlu hekk.
L-użu tal-eroina naqas fost dawk li irċivew trattament għall-ewwel darba. Filfatt minn sitta u ħamsin fil-mija fl-elfejn u għaxra, niżel għal sitta u għoxrin fil-mija fl-elfejn u erbatax.
“Hemm tnaqqis ta’ 8% ta’ dawk li jiehdu s-servizz li johduh primarjament minhabba eroina. Minn 80% fit-2010, Nizel ghal 72% fit-2014,” qalilna Gellel.
Interessanti li naqas ukoll il-persentaġġ ta’ persuni li jinjettaw din id-droga, hekk kif il-persentaġġ niżel minn sitta u ħamsin fil-mija għal ħamsa u erbgħin fil-mija.
Gellel jgħid li ra relevanza wkoll il-fatt li għalkemm in-numru ta’ persuni li jagħmlu użu mill-eroina regolari qed jonqos żdied il-persentaġġ tan-nisa.
“Minn dawk il-persuni li aċċessaw is-servizz fit-2010, 19% kienu nisa. Illum dak in-numru tela ghal 32%,” kompla jispjega Gellel.
Estimi jindikaw li minbarra każi li qed jużaw servizz kontra l-vizzju, hemm saħansitra sa iktar minn 500 persuna oħra li jużaw din id-droga kuljum, mingħajr ma jfittxu l-għajnuna kontra l-vizzju.
U filwaqt li l-eroina qed tara tnaqqis fil-prevalenza, il-kokaina u l-cannabis raw żidiet f’dawk li jaċċessaw is-servizzi għall-ewwel darba.
Intervista ma’ Gellel tixxandar illejla fil-bulettin ta’ ONE NEWS.