“Il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tagħna jeħtieġu prosperità Mediterranja komuni u ġusta. M’hemmx dubju li Libja b’saħħitha u ta’ suċċess hi parti indispensabbli minn Mediterran b’saħħtu u ta’ suċċess.”
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Ian Borg waqt il-Forum Libjan-Malti għall-Kummerċ u l-Esportazzjoni. Dan il-forum hu l-ewwel avveniment konġunt bejn iż-żewġ pajjiżi tat-tip tiegħu sa mill-2012.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Libjani tal-Ekonomija u l-Kummerċ u anki tal-Ġid.
Il-Ministru Ian Borg esprima t-tama tiegħu li dan il-Forum iħejji t-triq għal kollaborazzjoni mġedda mal-Libja f’setturi importanti.
“Fakkart kif dan jista’ jsir biss, kemm-il darba, il-Libja tkun immexxija mil-Libjani u jkun hemm l-istabbiltà politika. Din ħa tgħin biss mhux għar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja, li aħna tant intuha valur u tant intuha importanza fir-relazzjonijiet tagħna, iżda fuq kollox għall-istabbiltà u l-paċi fil-Mediterran.”
Ian Borg – Ministru
Sadanittant, il-Ministru Borg u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri kellhom laqgħa bilaterali mal-Ministri Libjani. Hawnhekk iddiskutew l-aħħar żviluppi ekonomiċi u politiċi fil-Libja u jesploraw toroq għall-konsolidazzjoni tar-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet.
“Okkażjoni oħra fejn anki mal-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Kummerċ Libjan stajna niddiskutu ċertu sfidi li jridu jiġu megħluba ħalli anki n-negozju u investituri Maltin ikollhom aktar fiduċja biex ikunu jinvestu ġewwa l-Libja u anki l-investiment Libjan jerġa’ jibda jaċċellera f’pajjiżna.”
Silvio Schembri – Ministru