Waqt li fl-aħħar jiem sar magħruf li aktar minn 3,500 persuna f’pajjiżna nqalgħu mil-livell ta’ faqar estrem, is-sitwazzjoni fil-bqija tal-Ewropa hi kompletament l-oppost.
Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jindikaw li s-sena li għaddiet l-għadd ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa fostna naqas bi 3,517, li jfisser li wieħed minn kull sebgħa persuni li kienu f’din il-kundizzjoni ta’ vulnerabilità fl-2022, sa sena wara raw titjib fl-għajxien tagħhom.
Bil-maqlub, iċ-ċifri ppubblikati din id-darba mill-Eurostat juru li madwar l-Ewropa kien hemm żieda fl-ammont ta’ dawk f’qagħda ta’ ċaħda materjali severa.
Meta wieħed iħares lejn il-pajjiżi bl-akbar żieda fil-faqar assolut, l-aktar li jispikkaw huma Spanja u l-Ġermanja. Fi Spanja kien hemm żieda ta’ 662,000 persuna f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa, waqt li l-foqra fil-Ġermanja żdiedu b’594,000 persuna.
Jekk wieħed minflok iħares lejn l-akbar żieda tal-foqra f’perċentwali, din irriżultat fid-Danimarka fejn kien hemm żieda ta’ xejn inqas minn 54%. Imma anke fil-Finlandja, pajjiż ieħor meqjus bl-aħjar livelli tal-ħajja, kien hemm żieda qawwija ta’ 45%, waqt li fis-Slovenja kien hemm żieda ta’ 41%.
Anke pajjiż b’sistema ta’ servizzi soċjali meqjusa fost l-aqwa fid-dinja, l-Iżvezja, is-sena li għaddiet kien hemm żieda f’dawk f’qagħda mill-aktar vulnerabbli.
F’ĊAĦDA MATERJALI SEVERA FL-EWROPA
2022 | 2023 | |
Il-Belġju | 662,000 | 701,000 |
Ir-Rep. Ċeka | 211,000 | 284,000 |
Id-Danimarka | 185,000 | 286,000 |
Il-Ġermanja | 5,127,000 | 5,721,000 |
Spanja | 3,554,000 | 4,216,000 |
Is-Slovenja | 29,000 | 41,000 |
Is-Slovakkja | 338,000 | 375,000 |
Il-Finlandja | 102,000 | 148,000 |
L-Iżvezja | 214,000 | 231,000 |
Skont l-NSO, il-porzjon tal-popolazzjoni Maltija mċaħħad b’mod sever hu ta’ 4.1%. B’kuntrast, fil-Ġermanja r-rata hi ta’ 6.9% u fi Spanja 9%, aktar mid-doppju ta’ Malta.
Ir-riżultat miksub fl-2023 għal pajjiżna kien l-aqwa osservat mindu bdiet tinġabar dinl-istatistika mill-Eurostat. Ir-rekord preċedenti kien dak tal-2017, meta r-rata kienet ta’ 4.3%.
Iċ-ċifri tal-Eurostat jindikaw li l-għadd ta’ Ġermaniżi li qed ikollhom problemi jħallsu l-kontijiet żdied minn 5.9% għal 8.1%, waqt li f’Malta l-għadd naqas minn 6.1% għal 5.7%.
Fil-Finlandja wkoll il-proporzjon ta’ dawk bi problemi biex iħallsu l-kontijiet tela’ għal 9.5% minn 7.7% sena qabel, fl-Iżvezja kiber għal 6.7% minn 6.2% u fi Spanja tela’ saħansitra għal 13.6%, jew kważi darbtejn u nofs dak f’Malta.
Malta hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels inżammu stabbli, filwaqt li madwar iż-Żona Ewro mill-2020 ’il hawn kien hemm żieda medja ta’ 43% fil-prezz tad-dawl u ta’ 24% fil-prezz tal-fuels.
Dawn wasslu biex, bil-maqlub ta’ Malta, żdiedu l-familji Ewropej mhux kapaċi jlaħħqu mal-kontijiet.