L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa kkordina riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew li ħeġġet lil Malta ddaħħal l-abort.
Dan fl-istess ħin li f’Malta saħansitra ħareġ jipprotesta kontra emenda maħsuba biex tipproteġi ħajjet il-mara.
ONE News jista’ jikkonferma li fin-negozjati dwar din ir-riżoluzzjoni kontra Malta, David Casa, m’opponiex li jiddaħħal dan il-paragrafu li jitlob lil Malta ddaħħal l-abort u finalment anke vvota fuq ir-riżoluzzjoni kif inhi.
Jirriżulta li, fin-negozjati, kemm hu kif ukoll in-nies mill-uffiċċju tiegħu saħqu li, sakemm ikollhom appoġġ għal klawsoli oħrajn kontra Malta, inkluż dawk ibbażati fuq informazzjoni żbaljata, huma ma kinux se jagħmlu kruċjati biex dan il-paragrafu ma jidħolx. U fil-fatt daħal.
Ir-riżoluzzjoni qalet li l-Parlament “jesiġi mill-Gvern Malti biex sa fl-aħħar iniedi d-dritt għal abort” u kkritika l-liġi, li daħlet is-sena li għaddiet biex tħares il-mara minn periklu ta’ ħajja jew saħħa gravi, bħala waħda li mhux biżżejjed.
B’hekk għal darb’oħra l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista kellhom pożizzjoni f’Malta u oħra fi Brussell. Filwaqt li sakemm jistgħu jattakkaw lil Malta lesti jikkompromettu kollox.